Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Imtenni l-impenn dwar spazji miftuħa waqt l-attività “Wirt in-Natura”

Maltese Version :

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli żaret l-attività “Wirt in-Natura” li saret il-Ħadd waranofsinhar fi ġnien l-Għarusa tal-Mosta. Hemmhekk iltaqgħet ma’ bosta familji bi tfal jirċievu tagħlim b’rabta ma’ prattiċi sostennibbli. Permezz ta’ din l-attività għall-familja, dawn l-entitajiet qajmu kuxjenza fuq diversi temi ambjentali, bħal l-emerġenza tal-klima, is-sostenibbiltà, il-konservazzjoni tal-bijodiversità, l-immaniġġjar tal-iskart, il-ħajja marittima u l-użu responsabbli tal-enerġija u l-ilma.

Fost oħrajn, Ambjent Malta preżentat prattiċi ta’ kif wieħed għandu jieħu ħsieb is-siġar u l-pjanti. Ġew organizzati treasure hunt u crafts workshops għat-tfal. Minn naħa l-oħra Parks Malta stiednet lill-pubbliku biex jitgħallem aktar dwar kif għandu jkabbar ħxejjex aromatiċi b’kunċett sostenibbli, li jinkludi l-użu mill-ġdid ta’ fliexken tal- plastik li mbagħad jieħdu ħsieb it-tisqija tal-istess pjanti. Attrazzjoni oħra kienet dik tad-dgħajsa u l-wied, fejn it- tfal setgħu jibnu dgħajsa permezz tal-karti biex imbagħad jintefgħu fl-ilma fl-istess mudell tal-ilma. B’din l- attrazzjoni, it-tfal setgħu jifhmu aħjar kif l-iskart jista’ jispiċċa fil-baħar u kif jista’ jkun ta’ ħsara għal ħajja marittima.

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) preparat logħba snakes and ladders, fejn tat l-opportunità lit-tfal biex waqt li jilagħbu, jitgħallmu wkoll fuq temi ambjentali. L-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma iffukat fuq il- konservazzjoni u l-effiċjenza tal-ilma fid-dar u fuq il-post tax-xogħol, permezz ta’ puppet show għat-tfal u esperimenti ta’ kif wieħed ma jaħlix l-ilma. Għal din l-attività ngħaqdu ukoll il-maskots popolari tal-WasteServ, General Buzz, Commander Yellow u Garbage Monster, fejn qagħdu jduru mat-tfal u l-familji li attendew għal din l-attività, filwaqt li jippromwovi separazzjoni tal-iskart u riċiklaġġ.

Fi ġnien l-Għarusa tal-Mosta, il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif il-gvern qed jaħdem fuq il-bżonn għal aktar spazji miftuħa. Fakkret li fil-Budget għas-sena d-dieħla l-gvern reġa’ kkommetta ruħu biex jinvesti €700 miljun fi proġetti ambjentali għal aktar ġonna u parks madwar Malta u Għawdex fis-seba’ snin li ġejjin. Miriam Dalli spjegat kif diġà bdew ix-xogħlijiet mill-akbar investiment ambjentali fl-istorja, fejn dan se jkompli għaddej permezz ta’ aġenzija ġdida. Din l-aġenzija se tkun qed tara aktar kollaborazzjoni ma’ kunsilli lokali u entitajiet oħra għall-introduzzjoni ta’ aktar spazji ħodor fil-lokalitajiet kollha, filwaqt li jsir xogħol ta’ riabilitazzjoni ta’ ġonna eżistenti b’aktar siġar u teknoloġija innovattiva u sostenibbli.

“Se nkomplu norganizzaw aktar attivitajiet għall-familja kollha biex ikunu jistgħu iqattgħu aktar ħin flimkien fid- diversi ġonna u parks f’Malta, waqt li jitgħallmu aktar dwar l-ambjent”, temmet tgħid il-Ministru Dalli.