Ftit tal-jiem ilu ġejt mistiedna nkun parti mill-anniversarju ta’ kumpanija Maltija – sussidjarja ta’ kumpanija Ġermaniża – li għalqet 20 sena ta’ ħidma f’pajjiżna. Laqtitni b’mod partikolari r-relazzjoni tajba li teżisti bejn it-tmexxija u l-ħaddiema ta’ din il-kumpanija u ħareġ b’mod kemm it-talent tal-ħaddiema tagħna huwa fattur mill-aktar importanti biex ikun attirat it-talent lejn pajjiżna.
Din il-kumpanija timpjega madwar 20 ħaddiem, u fl-aħħar snin kompliet tiddiversifika l-operat tagħha biex tilħaq swieq differenti. Dan kien possibbli wkoll grazzi għall-ħaddiema tagħha li huma diliġenti, miftuħa għall-ideat u li jadattaw għat-tibdil li operat ġdid iġib miegħu.
Ħadt gost nara ir-rispett reċiproku li jeżisti bejn il-ħaddiema fil-livelli differenti. Meta fuq il-post tax-xogħol jkun hemm ir-rispett fost il-ħaddiema differenti, dan jikkontribwixxi għas-suċċess tal-kumpanija.
Ħafna minn negozji li niltaqa’ magħhom ilkoll ifaħħru l-kultura ta’ xogħol li jħaddnu l-ħaddiema. Il-kwalità tfisser ħafna u meta l-ħaddiema jkunu dedikati lejn il-kumpanija li jaħdmu fiha tagħmel differenza kbira biex inkomplu nattiraw aktar investiment.
Bl-istess mod li t-talent tal-ħaddiema tagħna jimlini b’kuraġġ hekk ukoll imlieni b’kuraġġ u sodisfazzjoni li nisma’ lid-diriġenza Ġermaniża tal-kumpanija tfaħħar id-deċiżjoni tagħha li mhux biss tiftaħ il-bibien f’pajjiżna, iżda li baqgħet tinvesti tul is-snin f’turija ta’ fiduċja fil-workforce Maltija u f’pajjiżna bħal post ta’ investiment.
L-attrazzjoni ta’ pajjiżna bħalha post għall-investiment dirett barrani u biex negozji stabbiliti f’Malta jimirħu barra minn xtutna, hija propju waħda mit-temi li se nkunu qed nimbuttaw waqt l-Expo 2020 li qed jittella’ f’Dubai. Expo illi fih qed jipparteċipaw 192 pajjiż f’avveniment ta’ sitt xhur li l-kobor tiegħu huwa mqabbel mal-Olimpijadi u t-Tazza tad-Dinja għall-ammont ta’ nies li jiġbed lejh.
Dan ifisser opportunita tad-deheb għall-pajjiżna biex nuru dak li noffru f’oqsma differenti – kemm mill-aspett ta’ turiżmu, kultura, wirt, investiment, xogħol, saħħa u t-tranżizzjoni li Malta u Għawdex qed jagħmlu lejn l-innovazzjoni, id-diġitilazzjoni u s-sostenibbilità. Il-Padiljun ta’ Malta se jkun qed jippromwovi lil pajjiżna, kemm mill-aspett ta’ estetika kif ukoll mill-programm ta’ attivitajiet li qed jiġi kkordinat mill-Malta Enterprise bil-parteċipazzjoni ta’ entitajiet differenti. Fil-fatt, ninsabu f’diskussjoni ma’ pajjiżi oħra – bħall-Ġermanja, l-Italja, Slovenja u l-Awstralja fost oħra – biex nħarsu lejn laqgħat li jistgħu jsiru biex insaħħu d-diskussjonijiet li jwasslu għall-opportunitajiet ta’ negozju u networking. Dan jimxi pari passu mat-tema tal-Padiljun ta’ Malta li tiffoka fuq li ngħaqdu l-kulturi u noħolqu l-opportunitajiet (Connecting Cultures, Generating Opportunities).
Permezz tal-parteċipazzjoni tagħna, irridu nkomplu naħdmu ukoll dwar it-tibdil fil-klima, fid-dawl tal-impenn ta’ pajjiżna u l-miri li għandna għad-dekarbonizazzjoni sal-2050. Irridu li n-negozji, x-xjentisti u l-imprendituri tagħna jipparteċipaw b’mod attivi biex naqsmu best practices dwar kif setturi differenti jistgħu jikkontribwixxu: x’qed nagħmlu bħala pajjiżi u x’qed jagħmlu l-pajjiżi oħra, b’mod speċjali dawk li għandhom sfidi bħala tagħna, li jiġu ma’ gżejjer u stati żgħar.
Pajjiżna għandu ħafna x’joffri f’oqsma differenti imma rridu li nużaw l-isfidi li għandna quddiemna biex indawruhom f’opportunitajiet ta’ investiment għal ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol ta’ kwalità. Opportunitajiet kemm ekonomiċi, kemm relatati ma’ żvilupp sostenibbli kif ukoll il-ħolqien ta’ xogħol ġdid.
Dawn is-sitt xhur huma opportunita għal Malta biex nkomplu nimirħu u nħeġġeġ lill-imsieħba differenti biex ikunu attivi f’dawn l-attivitajiet.
Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fuq il-gazzetta t-Torċa fis-17 ta’ Ottubru ,2021