Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

L-MCESD jiddiskuti l-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050

Maltese Version :

L-MCESD jiddiskuti l-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050

Waqt laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l-imsieħba soċjali flimkien mal- Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriżi Miriam Dalli u s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul iddiskutew l-Istrateġija ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2050 kif ukoll l-aġenzija ġdida Project Green.

Fl-indirizz tagħha lill-imsieħba soċjali, il-Ministru Dalli qalet li l-istrateġija nazzjonali għall-iżvilupp sostenibbli mhux pjan ta’ entità waħda imma ta’ pajjiż sħiħ. L-istess l-aġenzija Project Green, li l-għan tagħha huwa li tamministra proġetti ambjentali bħala parti mill-pjan ambjentali fit-tul ta’ pajjiżna.

“Għalhekk huwa importanti li kontinwament niddjalogaw ma’ forum bħalma hu l-MCESD. B’hekk il-mira ta’ sostenibbiltà u newtralità fil-klima sal-2050 inwettquha b’mod kollettiv. Illum kulħadd qed jirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ din il-ħidma, anke mir-rispons pożittiv li qed nirċievu mis-settur privat f’dak li għandu x’jaqsam mal- pjattaforma tal-ESG. Irridu nisfruttaw il-potenzjal tal-innovazzjoni biex niżguraw ħarsien ambjentali, koeżjoni soċjali u prosperità għal kulħadd,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li biex verament nilħqu din il-viżjoni kulħadd irid jagħmel il-parti tiegħu. “Kull settur għandu parti x’jilgħab biex verament Malta tilħaq l-ambizzjonijiet ambjentali, soċjali u ekonomiċi. Inthom madwar din il-mejda iżjed u iżjed, għaliex bħala msieħba soċjali tirrappreżentaw is- setturi differenti li lkoll ġejjin minnhu u għandkom l-opportunità sabiex tikkontribwixxu għal din id-diskussjoni.” Is-Segretarju Parlamentari Ellul stqarr li wieħed m’għandux iħares lejn policies u miri li joħorgu minn strateġiji bħal dawn bħala xi ħaġa li jilimitawna. Huwa appella lill-imsieħba soċjali biex jidentifikaw liema huma l-isfidi ħalli flimkien u bl-għajnuna tal-Gvern jibdluhom f’opportunitajiet.

George Said, id-Direttur responsabbli mill-iżvilupp Sostenibbli spjega li l-Istrateġija ta’ Malta għall-iżvilupp Sostenibbli 2050 li bħalissa għaddejja konsultazzjoni pubblika dwarha tistabbilixxi ħames għanijiet għall-2050; transizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ekoloġija u blu; Lejn il-preservazzjoni tal-iżvilupp urban

sostenibbli u l-wirt kulturali; niżguraw ħajja b’saħħitha u benesseri għal kulħadd; naċċelleraw it-trasformazzjoni diġitali, il-mobbiltà intelliġenti u l-konnettività; u ġustizzja soċjali u prosperità għal kulħadd. Is-sur Said qal li l- pass li jmiss huwa li dawn l-għanijiet ikunu mkejla permezz ta’ sett ta’ miri li jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Malta għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030.

Rigward Project Green, il-kap eżekuttiv Steve Ellul spjega kif f’inqas minn ġimgħa mit-tnedija tal-aġenzija, ġiet mħabbra l-akbar skema ambjentali ta’ €10 miljuni, Community Greening Grant. Huwa spjega li din hija opportunità ġdida li jistgħu japplikaw għaliha entitajiet, kunsilli lokali, organizzazzjonijiet u residenti biex

inkomplu nsebbħu l-lokalitajiet. Huwa temm jgħid li “L-intrapriża privata għandha rwol importanti ħafna għal transizzjoni lejn ekonomija aktar sostenibbli. Project Green hija l-opportunità għall-intrapriżi biex jagħmlu tranżazzjoni aktar effettiva.” l-Imsieħba soċjali laqgħu b’mod pożittiv il-viżjoni u l-impenn tal-Gvern favur żvilupp aktar sostenibbli. Faħħru ukoll l-inizjattiva Project Green. F’dan ir-rigward iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb wiegħed l- kollaborazzjoni tal-MCESD fuq dan l-aspett biex bħala pajjiż nilħqu l-aspirazzjonijiet u l-miri ambjentali.