Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Malta tiġi rikonoxxuta bħala leader fuq climate mobility waqt il-COP28

Matul attività organizzata waqt il-COP28 miċ-Ċentru Internazzjonali tal-Climate Mobility, Malta ngħatat ir-rikonoxximent ta’ Climate Mobility Champion Leader għax-xogħol li qed tagħmel fuq il-qasam tat-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq gżejjer żgħar.

Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli rċeviet dan ir-rikonoxximent wara diskussjoni ma’ żgħażagħ attivisti fuq il-klima minn diversi pajjiżi, b’mod partikolari minn gżejjer u pajjiżi żgħar milquta mit-tibdil fil-klima.

Il-Ministru Dalli qalet li l-fatt li Malta hija pajjiż żgħir ma jfissirx li qed tnaqqas mill-isforzi tagħha biex tnaqqas l-emissjonijiet.

Il-Ministru Dalli rreferiet għall-aħħar statistika tal-Eurostat li turi li Malta hija l-pajjiż fl-Unjoni Ewropea bl-inqas emissjonijiet għal kull persuna f’impjieg. Minkejja dan qed tagħmel diversi sforzi biex tnaqqas l-emissjonijiet partikolarment mis-settur tal-enerġija, bil-policies dwar ir-rinnovabbli, finanzjament ambjentali u bl-aħħar proġett ta’ shore-to-ship fost l-oħrajn.

Il-Ministru Dalli enfasizzat ukoll li l-pajjiżi ż-żgħar, b’mod partikolari l-gżejjer għandhom jingħaqdu flimkien biex ikunu vuċi waħda ħalli jressqu ’l quddiem ir-realtajiet tagħhom għaliex huma l-aktar li jistgħu jkunu milquta ħażin mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima, inkluż ukoll jekk jogħla l-livell tal-baħar.

Malta se tibqa’ impenjata twassal ’il quddiem dan il-messaġġ.

Fi tmiem din l-attività, Malta ġiet rikonoxxuta għall-messaġġ qawwi li qed twassal biex il-gżejjer jingħataw l-attenzjoni li jistħoqqilhom fid-diskussjonijiet dwar it-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu.