Meta l-pajjiż jikber u jimxi ‘l quddiem, l-istess jagħmlu l-aspirazzjonijiet tan-nies. In-nies tistenna aktar mill-implimentazzjoni ta’ ċertu policies, inkluż l-għażliet li jsiru favur l-ambjent.
Kien hemm żmien li Gvern Nazzjonalista kien jgħid lin-nies li impossibbli li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Illum il-ġurnata, mhux talli n-nies draw b’kontijiet orħos imma għandhom aspettattivi ġustifikati li nnaqqsu l-emissjonijiet mill-ġenerazzjoni tal-elettriku u li naslu għall-ekonomija li ma tniġġisx.
Huwa fatt li kien Gvern Laburista li raħħas il-kontijiet tad-dawl u ilma. Kien Gvern Laburista li naqqas it-tniġġiż u qaleb għall-użu tal-LNG mill-Heavy Fuel Oil.
Ir-realtà hi li bl-irħas kontijiet tal-enerġija, dan il-Gvern ħalla b’iktar minn €80 miljun fis-sena fil-bwiet tal-familji u n-negozji. Altru minn dak li qal il-Partit Nazzjonalista, li din kienet “il-gimmick tal-millenju”.
Minn meta ħadt il-ġurament tal-ħatra tiegħi bħala Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli, ftit anqas minn tliet xhur ilu, elenkajt il-viżjoni tiegħi għas-settur tal-enerġija. Dik li jkollna settur tal-enerġija bl-anqas tniġġiż possibbli, billi jżomm l-orħos prezzijiet, li naċċertaw is-sigurtà’ tas-supply tal-enerġija, niddiversifikaw is-sorsi t’enerġija u fejn il-konsumaturi jkollhom rwol ċentrali.
Qed naħdmu fuq aktar skemi. Din il-ġimgħa ħabbart li madwar 260 familja minn Birżebbuġa se jkunu qed jibbenefikaw minn skema biex ibiddlu aperturi antiki, u jinvestu f’double glazing. Din mhix soluzzjoni biss biex itaffu mill-istorbju ta’ barra, imma jgħin biex tikkontrolla t-temperatura tal-bini, b’hekk tkun qed tiżdied l-effiċjenza tal-binja. B’hekk ukoll qed noffru l-possibilità’ li b’dan l-investiment innaqqsu l-konsum tal-enerġija u nsaħħu l-effiċjenza enerġetika.
Qed naħdmu fuq numru ta’ inizjattivi oħra biex sew id-djar u anke’ s-settur kummerċjali ikunu jistgħu jinvestu f’teknoloġija innovattiva biex ikollna aktar enerġija nadifa. Bl-istess mod qed naħdmu biex ikollna pjan ta’ charging pillars f’pajjiżna. Ir-regoli tal-Unjoni Ewropeja jindikaw li jkun hemm minn tal-anqas charging point għal kull 10 karozzi.
Bl-istess mod qed naħdmu fuq pjan biex noffru sorsi differenti ta’ enerġija, b’enfasi ferm akbar fuq l-aktar teknoloġija innovattiva tar-rinnovabbli, sew fuq l-art u anke fuq il-baħar.
Mill-ewwel ġranet bdejna naħdmu fuq pjan tal-enerġija f’din id-direzzjoni għax dan is-settur jiżviluppa kontinwament u għaliex irridu noffru lin-nies settur reżiljenti. Meta se niġu quddiem il-poplu se nkunu qed noffru pjan sħiħ ta’ fejn irridu lil dan il-pajjiż imur.
Fuq il-prezzijiet tal-enerġija, il-politika ta’ dan il-Gvern hi ċara. Aħna favur stabbiltà li żżomm il-prezzijiet baxxi u tagħti serħan il-moħħ lill-familji. Din hi politika li jista’ jagħti garanzija tagħha biss Gvern Laburista, għax għal iktar minn darba l-kelliema tal-Partit Nazzjonalista tkellmu favur politika fejn il-prezzijiet jinbidlu kull xahar. Hija dik il-politika li tefgħet l-ikbar piżijiet fuq il-poplu u l-ikbar inċertezzi fuq in-negozji.
Minn naħa l-oħra, l-poplu jaf li dak li nwegħdu nwettquh. Jekk wegħdna kontijiet orħos, tajna kontijiet orħos. U meta wegħdna anqas tniġġiż offrejna soluzzjoni li naqqset it-tniġġiż drastikament. Għalhekk li l-poplu huwa moħħu mistrieħ li meta mmorru bi pjan quddiemu se jkun pjan fattibbli u li jitwettaq.