Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Professjonijiet li m’hawnx prezzhom

F’dawn il-mumenti partikolari fl-istorja dinjija qed nintebħu li jekk verament irridu, nistgħu nbiddlu l-istil tal-għixien tagħna f’qasir żmien. Dan mhux xenarju ideali, iżda minnu qed nitgħallmu ħafna. Fosthom li m’hemmx għalfejn insuqu biex nattendu laqgħat. M’hemmx għalfejn minuti u fjuwil moħlija nduru għal parkeġġ jew imwaħħlin fit-traffiku, għax b’telefonata virtwali, qed niftehmu. M’hemmx għalfejn nistampaw ħafna karti kuljum, għax mill-esperjenza tagħna ta’ xogħol mid-dar, qed nindunaw li hemm sistemi teknoloġiċi aktar effiċjenti kif naħdmu. M’hemmx għalfejn narmu kollox, għax qed nindunaw li bi ftit kreattivitàkapaċi noħolqu proġetti fid-dar billi nirriċiklaw.

Ħaġa li ma nistgħux ngħaddu mingħajrha pero’ huwa l-ikel li nieklu. Anzi, dawn huma żminijiet li jirrikjedi li nikkonsmaw ikel bnin, ġenwin u minn sorsi li nafuhom. Il-genwinitàtal-prodott lokali Malti hija garantita ferm iktar minn kwalunkwe prodott ieħor importat. Dan huwa suġġett għal qalbi ħafna, u ħabat tajjeb li għall-ewwel darba fil-Parlament Ewropew, bħala Viċi President tas-Soċjalisti u Demokratiċi, qed insegwi mill-qrib is-settur tal-agrikoltura u s-sajd. Determinata li nara li dak li nikseb f’ambjent Ewropew ikun fattibbli f’pajjiżna. Għalhekk għedt kemm-il darba u nerġa ntenni li mhux sostenibbli għal Malta u Għawdex li ma nagħtux l-importanza mistħoqqha lil-agrikoltura u sajd lokali. Irridu nħajru lill-ġenerazzjonijiet żgħar jidħlu f’dawn l-oqsma, u biex nagħmlu dan irridu nagħmlu sforz biex intaffu ftit mill-isfidi kbar li jeżistu u nafu bihom f’dan is-settur.

Qabel xejn, irridu nipprovdu riżorsi lil min l-aktar għandu bżonnhom, bħall-aċċess għall-ilma. Irridu norganizzaw il-produtturi biex joħorġu bi prodott distintiv u rridu noħolqu inċentivi biex ulied il-bdiewa u raħħala Maltin jieħdu ħsieb l-intrapriżi ta’ familthom u jżommuhom għaddejjin. Meta nippjanaw l-użu tal-art f’pajjiżna, irridu nżommu f’moħħna li bil-pass mgħaġġel ta’ urbanizazzjoni, tonqos ukoll l-art agrikola. Għalhekk inutli nħajru ż-żgħażagħ jidħlu f’dawn l-oqsma, jekk qed innaqsu l-art disponibbli għal dan l-iskop.

Ladarba semmejt l-importanza tal-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni fis-settur agrikolu, irrid nelabora aktar fuq dak li qed nisiltu minn din il-pandemija, għaliex hemm aktar setturi li rridu naraw aktar żagħżagħ fihom. Bħal bosta rkejjen madwar id-dinja, qed nindunaw aktar minn qatt qabel bl-importanza ta’ ċertu vokazzjonijiet, bħall-importanza tas-settur mediku. L-infermiera tagħna mhux biss ħaqqhom kull tifħir, iżda rrid narahom miġjuba bħala eżempju biex il-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni jifmhu li kieku mhux għalihom u għal professjonalita’ tagħhom, dan il-mument kien ikollu konwegwenzi ferm aktar kiefra għal pajjiżna. Filwaqt li dejjem nisħqu, u se nibqgħu nisħqu, fuq l-importanza ta’ osma ġodda u innovattivi, kellha tkun din il-pandemija li verament tiġbdilna l-attenzjoni li professjonijiet li ilhom magħna snin twal u li forsi huma meqjusa tradizzjonali, m’hawnx prezzhom.

Fl-immedjat, nistgħu ngħinu f’dawn iż-żewġ oqsma partikolari li semmejt billi qabelxejn nixtru prodott lokali Malti. Ejja ma niddejqux immorru speċifikament għand tal-ħut, tal-laħam, tal-ħaxix. Nistgħu nagħmlu l-ħajja faċli wkoll għal dawk fis-settur mediku billi nsegwu d-direzzjonijiet tal-awtoritajiet bir-reqqa. Fuq kollox, nistgħu ngħinu billi ma ninsewx. Ladarba jgħaddi dan kollu, ejja ma ninsewx min kienu l-eroj f’sitwazzjoni bħal din, u nsemmu lil dawn l-eroj ma uliedna u wlied uliedna.