Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Temm is-Silenzju

Meta niltaqgħu ma’ każijiet ta’ vjolenza domestika, faċli naħsbu li aħjar ma nindaħlux. Immawasal iż-żmien li nsemmgħu leħinna biex intemmu s-silenzju.

Inkunu qed nagħmlu żball jekk naħsbu li każijiet ta’ vjolenza li jseħħu wara bibien magħluqa huma xi ħaġa privata li membri tal-familja jridu jsolvu bejniethom. Għall-kuntrarju, din hija sitwazzjoni li tikkonċerna lil kull wieħed u waħda minnha, għaliex il-vjolenza ġġib biss aktar vjolenza, hija ta’ periklu għal ħajjet in-nies, periklu għall-psikoloġija ta’ dawk involuti u ta’ madwarhom, trawma fuq l-ulied u l-kontinwazzjoni ta’ ċirku vizzjuż ta’ kriminalita’.

Propju b’dan il-ħsieb nedejt il-kampanja Temm is-Silenzju (End The Silence), li permezz tagħha qed nimmiraw li nagħmlu sforz biex inħeġġu lill-vittmi tal-vjolenza domestika issemmgħu leħinhom. Is-silenzju għandhom itemmuh wkoll ix-xhieda tal-vjolenza domestika, dawk li jafu b’kazijiet ta’ vjolenza domestika għaliex jaf ikun is-silenzju tagħhom li jwassal biex is-sitwazzjoni tiggrava jew biex saħansitra jintilfu ħajjet in-nies.

Huwa faċli li wieħed jaħseb li m’għandniex nindaħlu u nagħlqu għajn waħda qisna ma nafux x’inhu jiġri. Wara kollox, sa ftit ilu, fil-kultura tagħna dejjem konna nemmnu li dak li tgħaddi minnu familja kien għal kollox materja ta’ natura privat. Infatti, il-privatezza fil-familji tagħna kienet, tista’ tgħid, sagrosanta. Ir-realtà hi li rridu nitkellmu, għaliex mhux aċċettabbli li waħda minn kull seba’ nisa Maltin, mill-età ta’ 15-il sena il-fuq, esperjenzaw vjolenza fiżika jew sesswali xi darba matul ħajjithom. Dan ifisser li jekk tħares madwarek, aktarx li hemm mara li għaddiet minn esperjenza vjolenti xi darba jew oħra f’ħajjitha. Aktarx ukoll li hemm xi ħadd li jaf li din il-mara għaddiet minn din l-esperjenza, u ma tkellimx. Ħafna drabi hemm ukoll tfal li huma vittmi ta’ vjolenza domestika jekk mhux direttament, indirettament permezz ta’ vjolenza psikoloġika meta jaraw lill-persuni li l-aktar iħobbu – l-ġenituri tagħhom – jgħaddu minn dik is-sitwazzjoni. Il-vjolenza hija ħażina kull fejn isseħħ, minn kull min isseħħ, u għall-liema raġuni sseħħ.

Xi kultant naħsbu li aktar faċli li ma nindaħlux forsi anke’ għax nibżgħu mill-konsegwenzi. Dan nifhmu. Li persuna jipprova jintimida lil xi ħadd ieħor huwa mod ieħor ta’ kif persuna jipprova jagħlaqlek ħalqek. Tigri lil kollha kemm aħna. Jien stess irċevejt messaġġi ta’ indimidazzjoni fuq mezzi soċjali, sempliċement għax nehdejt din il-kampanja biex intemmu s-silenzju dwar il-vjolenza domestika. Hawn min ma jridnix nitkellmu. Hawn min ma jridnix niksru s-silenzju. Aktar ma nara messaggi ta’ intimidazzjoni bhal dawn aktar nirrealizza kemm għandna bżonn kampanji bħal dawn.

Sabiex intemmu dan is-silenzju, numru ta’ żgħażagħ, irġiel u nisa, ingħaqdu miegħi f’filmat li qed jibgħat messaġġ li l-biża’ u l-vjolenza m’għandhom l-ebda rwol f’relazzjoni ta’ mħabba. Qed niltaqa’ wkoll mal-Ministeri tal-Ġustizzja u l-Intern biex niddiskutu t-triq ‘il quddiem biex tiġi ttrattata l-vjolenza domestika u l-vjolenza bbażata fuq il-ġeneru. Din l-inizjattiva wasslet għall-għoti ta’ assistenza legali b’xejn lill-vittmi tal-vjolenza domestika. Min ikun fi stat ta’ vulnerabilta’ għandu bżonn kull għajnuna possibbli fuq kull livell: minnha l-politiċi sal-ġirien, qraba u ħbieb.

Nista’ biss nimmaġina dak li għaddew minnu vittmi ta’ vjolenza domestika fi żminijiet ta’ pandemija, meta kellna lkoll nibqgħu d-dar. Filwaqt li nistennew li l-ambjent tad-dar ikun post fejn wieħed iħoss ċertu sens ta’ sigurta’ u rifuġju, dawn il-vittmi spiccaw jgħixu fi stat ta’ biża’ kontinwa u anke jekk il-vjolenza nfisha ma seħħetx pero’ il-biża’ tagħha hija biżżejjed biex persuna tħossha mhedded u trawmatizzata. Vjolenza Domestika m’hi xejn għajr ksur tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, u kif meta naraw dan it-tip ta’ ksur insemmgħu leħinnha bil-kbira, hekk ukoll għandna nagħmlu fejn tidħol il-vjolenza domestika.

Dawk li bħalissa jinsabu f’relazzjoni abbużiva għandhom ifittxu l-għajnuna u jikkuntattjaw 179 jew jużaw il-mobile app 112mt biex jirrappurtaw il-każ. NGOs bħal Dar Merhba Bik u SOAR jistgħu wkoll jintlaħqu permezz ta’ Facebook. Dawk li jinzertaw każ ta’ dan it-tip huma mħeġġa jċemplu 179 jew 112. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk taf li l-vjolenza kontinwa tiġri wara bibien magħluqa, tista’ ma tkunx l-uniku wieħed jew waħda li tixhedha, imma dejjem ftakar li tista’ tkun ta’ l-aħħar.