Skip to content Skip to sidebar Skip to footer

Serħan-il moħħ għall-poplu

Lil hinn mir-retorika politika, in-nies ifittxu serħan-il moħħ u azzjonijiet li jiggarantulhom stabbilita. In-negozji jftixxu deċiżjonijiet li ma joħonqux it-tkabbir ekonomiku. Ifitxxu Gvern li fid-dawl ta’ inċertezzi internazzjonali, joffri ċertezza.

L-ebda amminsitrazzjoni m’għandha xi banketta maġika jew tittama f’xi ‘miraklu tal-Milied’ meta ffaċjata bi sfidi . L-iżvilupp ġo pajjiż huwa riżultat ta’ deċiżjonijiet politiċi u leġiżlattivi li jinfluwenzaw u jiggwidaw l-investiment. 

Dan kien is-sentiment tal-messaġġ li rċivejt m’għand in-nies wara d-dibattitu li kellna fil-Parlament nhar it-Tnejn li għadda dwar il-qasam tal-enerġija u l-kontijiet. Stennejt ħafna aktar minn naħa tal-Oppożizzjoni fi żmien fejn id-dinja għaddejja minn żieda bla precedent fl-ispiża tal-enerġija, filwaqt li l-familji u n-negożji f’Malta qed ikunu protetti. 

Tista’ timmaġina x’kien jiġri kieku il-kontijiet tad-dawl u l-ilma kellhom jogħlew mal-prezzijiet internazzjonali? Immaġina biss id-daqqa fuq il-familji u l-intrapriżi. 

Kieku ma ħadniex dan il-pass deċiżiv li nidħlu għall-familju u n-negozji, kieku l-inflazzjoni illum tqarreb l-14%. Kieku illum, mhux nitkellmu fuq żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €10 fil-ġimgħa, imma kien ikollna nagħtu żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €25 fil-ġimgħa b’detriment għall-ekonomija, l-intrapriża u l-ħaddiema.

X’differenza minn kien aġixxa Gvern Nazzjonalista fejn quddiem sitwazzjoni ferm anqas gravi minn dik li għandna illum, mhux talli ma ffrankax il-flus lin-nies, talli għabba lill-familji b’piż ta’ aktar minn €1,500 fis-sena fuq il-prezz tal-enerġija. Fl-istess waqt li ma ddejqux jgħidu li ivvutaw bil-qalb biex jgħollew il-kontijiet.

Biż-żieda fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-2008 u l-2010  serqu mal-€100 miljun mingħand il-familji u n-negozji.

Tiftakar wkoll x’kienu offrew biex jagħmlu tajjeb għal din iż-żieda? Ħames bozzoz.

Xejn ma jneħħi mill-fatt li Partit Laburista fil-Gvern joffri stabbilita fl-enerġija mingħajr ma jitfa l-piżijiet fuq in-nies. Dan għall-kuntrarju ta’ Gvern Nazzjonalista fejn qatt m’emmnu fl-istabbilita. Kellna ammissjonijiet bħal dawn fil-Parlament. 

It-track record ta’ Gvern Laburista fis-settur tal-enerġija huwa wieħed ċar u li n-nies tafda. 

Illum li qed niffaċċjaw l-akbar kriżi internazzjonali fis-settur tal-enerġija ħdima sabiex ma ngħollux l-kontijiet bħal ma qed jiġri f’diversi pajjiżi oħra fejn il-kontijiet tal-elettriku għolew bi kważi 60%.  Qed inkomplu naħdmu biex pajjiżna ma jintlaqatx minn sitwazzjoni fejn ikun impost fuqna li bilfors irridu nnaqsu l-użu tal-elettriku. 

B’dawn id-deċiżjonijiet li ħadna bħala Gvern qed niffrankaw lill-familji tagħna medja ta’ €2,000 fis-sena. 

Fl-2009, Gvern Nazzjonalista daħħal avviż legali dwar kif titħaddem is-sistema ta’ kontijiet – sistema li ma nbidlitx f’dawn is-snin kollha. F’Ottubru li għadda, emendejna din il-liġi biex isir aġġustament, biex b’hekk il-konsumaturi jagħmlu użu mill-bands sħaħ. Kien hemm bżonn l-emenda fil-liġi propju għax sa dakinhar il-kontijiet dejjem tħaddmu skond il-liġi li kien hemm fis-seħħ. 

Biex mingħalihom jippruvaw joħorġu tal-Partit Nazzjonalista, riedu b’xi tip ta’ soluzzjoni jdaħħlu konsum kumulattiv annwali. Dan mhux biss jipperikola l-impjiegi ta’ eluf ta’ ħaddiema – għax jgħolli l-kontijiet għan-negozji – imma kienu se jipperikolaw l-benefiċċju tal-Eco Reduction għal eluf ta’ familji. 

Minflok, is-sistema mħabbra fl-10 t’Ottubru, ma tolqot lil ħadd b’mod negattiv lill-ħadd. 

Mhux talli qed nindirizzaw l-akbar sfida li għandna quddiemna li nżommu l-prezzijiet tal-enerġija stabbli u li nindirizzaw taħwida li ħalla Gvern Nazzjonalista fil-kontijiet talli għandna s-serħan il-moħħ biex inkomplu ninvestu fit-triq il-quddiem. Qed niffukaw fuq aktar investimenti fis-settur tal-enerġija. 

Qed naħdmu fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, qed ninvestu fl-enerġija rinnovabbli, l-investiment fit-tieni interconnector biex il-pajjiż jsaħħaħ il-kapaċita, il-pjanijiet għal hydrogen-ready pipeline u aktar. 

Huwa permezz ta’ din il-politika ta’ diversifikazzjoni fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, li għandna l-possibilita li nħaddmu politika li qed tgħinna fil-viżjoni tagħna li nżommu kontijiet stabbli. Fejn raħassna l-kontijiet b’25% u li għadna qed nassiguraw sal-lum. 

Quddiem l-isfidi, Gvern Laburista ma jaqtax qalbu anzi jara kif joħloq l-opportunitajiet.