Għal żmien twil tmexxejna minn mudell ekonomiku tradizzjonali li jħares lejn it-tkabbir ekonomiku a skapitu tal-ħarsien ambjentali u l-protezzjoni soċjali. Dan rajtu jiġri f’diversi pajjiżi inkluż ukoll Malta. Il-mentalità li t-tkabbir ekonomiku ma jieħux in kunsiderazzjoni l- ambjent ta’ madwarna, il-klima, il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u l-kwalità tal-ħajja m’hijiex politika sostenibbli.
Minn hemmhekk tinbet l-idea ta’ mudell ekonomiku ġdid li huwa bbażat fuq tlett pilastri ewlenin. It-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni ambjentali u it-tisħiħ tal-qasam soċjali. F’moħħi waħda ma teżistix mingħajr l-oħra u nagħmlu żball jekk nagħtu preċedenza lil pilastru wieħed minn dan il-mudell u nwarrbu għal kollox l-oqsma l-oħra.
Dan huwa t-twemmin politiku li jmexxini fil-ħidma tiegħi meta nitkellmu dwar bidla radikali fil-mod kif inkabbru l-ekonomija ta’ pajjiż. Jekk mhux se nħarsu l-ambjent tagħna mhux se jkollna industriji x’nipproteġu. Jekk mhux se nsaħħu l-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema mhux se jkollna riżorsa umana fuq min induru. Huma pjanijiet li jridu jitfasslu fuq tul ta’ snin u li jagħtu l-frott tagħhom mal-medda tas-snin.
Fil-Parlament Ewropew qed naħdem fuq dan il-kunċett għax nemmen li din hija t-triq li tista’ tassigura l-kompetittività tal-industriji, li tista’ taċċerta li jkollna ħaddiema li jkunu jistgħu jiġu mħarrġa f’oqsma differenti, li tista’ tgħina nħarġu l-istudenti tal-llum għax-xogħol t’għada li jrendilhom u li jżommhom kuntenti. Ifisser li rridu ninvestu ħafna aktar milli qed nagħmlu llum fir-riċerka u innovazzjoni. Irridu nigwidaw aktar studenti f’oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija. Fl-istess ħin irridu nagħtu l-ħiliet kollha neċessarji lil min akkademikament ma jħossux komdu imma għandu ħafna talenti x’jista’ juża u li jistgħu jgħinuh jgħix ħajja tajba u komda.
Dan kollu jorbot ma’ strateġija għal tkabbir sostenibbli fejn noħolqu l-opportunitajiet ekonomiċi, inkomplu nattiraw l-investiment u nipprovdu impjiegi ta’ kwalità. Strateġija li għandha tħares lejn tkabbir ekonomiku li jkun maqtugħ għal kollox minn aktar tniggeż fl- arja, aktar użu bla sens tar-riżorsi li għandna u minn aktar ġenerazzjoni ta’ skart partikolarment f’pajjiżna.
Biex dan isir hemm bżonn tibdil. Ma nistgħux nibqgħu inħarsu lejn l-ekonomija bil-mod kif għamilna s’issa. Hemm affarijiet li rridu nindirizzaw u jaqblilna li bħala pajjiż nippjanaw għalihom u nindirizzawhom u mhux naħsbu li nistgħu ngħidu ‘le’ għal dawn l-iżviluppi.
Fl-Unjoni Ewropea se nibqa’ naħdem biex ikollna aktar industriji nodfa, li ma jniġġsux. Industriji li ma jagħmlux ħsara lill-klima tagħna u lanqas lis-saħħa tan-nies tagħna. Min jissettja l-aġenda jrid jirrealizza li jekk ikollna setturi li jħammġu anqas se tgawdi n-nies u se jgawdi wkoll il-poplu kollu kemm hu. Biex nagħti eżempju, immaġina li jkollna politika fejn jirnexxielna nnaqqsu t-tniġġis mit-toroq tagħna u mill-ibħra tagħna. Arja aħjar tfisser anqas mard. Tfisser ukoll anqas spiża u piż fuq is-saħħa pubblika. Dawn huma affarijiet li rridu nibdew nieħdu kunsiderazzjoni tagħhom għax jekk ma nagħmlu xejn il-piż mhux se jkun biss soċjali, imma fl-aħħar mill-aħħar anke’ finanzjarju.
Bħalissa qed niltaqa’ ma’ stakeholders differenti biex niddiskuti magħhom dwar x’qed nissuġġerixxi flimkien ma’ kollegi tiegħi fil-Parlament Ewropew biex verament ikollna din il- bidla. Bidla li inizjalment konvinta li se jkun hemm oġġezzjoni għaliha imma li jekk verament naħdmu flimkien nistgħu noħolqu pjan li jgħin lil pajjiż igawdi mill-opportunitajiet li din il-bidla se ġġib magħha.
Biex dan isir irid ikun hemm ir-rieda politika u anke’ l-għarfien li bidla filwaqt li tista’ ġġib sfidi magħha, iġġib magħha wkoll bosta opportunitajiet. Jekk niddeċiedu li ma nagħmlu xejn il-bidla sseħħ xorta imma ma nkunux ippreparati għaliha. Jien nippreferi li nibdew naħsbu għal tul ta’ żmien. Fejn irridu li pajjiżna jkun fl-għaxar snin li ġejjin. X’inhi l-viżjoni li għandna u allura kif nistgħu nippreparaw u nħejju għaliha.
Forsi l-akbar nuqqas ta’ sistemi politiċi eżistenti huwa l-fatt li għandek gvernijiet li jmorru għal elezzjoni kull erbgħa jew ħames snin u allura xi kultant nibda nara li l-miżuri short-term jirbħu fuq pjanijiet fit-tul li kull pajjiż, inkluż pajjiżna tant għandu bżonn.
Jekk nibdew inħejju ruħna minn issa ifisser li nkunu f’pożizzjoni fejn nistgħu ninċentivaw dawk l-affarijiet li nemmnu li jistgħu jagħmlu lil pajjiżna aħjar. Fejn naraw li nagħtu l-għajnuna fejn hemm bżonn. Fejn nibdew inħejju lill-ħaddiema tagħna għall-bidliet li jista’ jkun hemm. Fejn nindirizzaw l-isfidi, ngħarfu dawk l-isfidi u nħejju għalihom. Din hija l-politika li timlini b’ħeġġa li naħdem aktar.
Mill-esperjenza tiegħi, il-mument li ngħarfu sfida, tinduna kemm għandna persuni li għandhom talent biex joħorġu b’ideat innovattivi. Rajtha tigri meta ħdimna fuq il-leġiżlazzjoni tal-plastik, b’kumpaniji u industriji jingħaqdu flimkien biex joħorġu b’alternattivi differenti.
Rajtha wkoll meta ħdimt fuq il-liġi biex inaqqsu t-tniġġis mill-karozzi. Niftakar li meta ipproponejt din il-liġi kont għidt li sfida ewlenija li rridu nippreparaw għaliha hija l-protezzjoni għall-ħaddiema. Dakinhar kien hemm min irraporta fuq ġurnali barranin li din kienet ammissjoni ta’ problemi kbar. Dik l-ammissjoni iżda tagħti l-għodda biex ninnegozja fond ta’ transizzjoni għall-ħaddiema fi ħdan il-liġi stess. Illum nieħu gost li jiġu għandi rappreżentanti tal-ħaddiema jgħiduli li l-miri tat-tnaqqis fit-tniġġis fuq medda ta’ snin lilhom tahom serħan il-moħħ għax il-kumpanija taf lejn x’hiex qed taħdem u huma bħala ħaddiema qed jippreparaw pjan biex il-workforce tagħhom tkun imħarrġa għal sistemi ġodda.
Kull deċiżjoni politika għandha tiġbor flimkien it-tkabbir ekonomiku, l-ambjent ta’ madwarna u l-protezzjoni tal-ħaddiema tagħna. Waħda ma tmurx mingħajr l-oħra u waħda m’hijiex importanti aktar mill-oħra. Jekk jirnexxielna nimxu lejn mudell ekonomiku li jagħti l-istess importanza lit-tlett pilastri li huma, nemmen li nistgħu nimxu ‘l quddiem. Kommessa li fil-ġranet u l-ġimghat li ġejjin inkompli niltaqa’ m’aktar stakeholders Maltin u Ewropej biex flimkien niddiskutu x’jistgħu jkunu l-isfidi u naħdmu fuq soluzzjonijiet għal dawk l-isfidi. Spiċċa ż-żmien li niddentifikaw biss il-problema u nieqfu hemm. Flimkien mal-problema rridu naħdmu fuq is-soluzzjonijiet. Dan huwa l-livell li jmiss li se nkompli naħdem għalih