Ma nistgħux niddiskutu ġrajjiet kurrenti jekk ma niddiskutux il-Coronavirus. Il-preżenza ta dan il-virus u l-mod li bih qed nirreaġixxu bħala Ewropej jwassalni għal numru ta’ osservazzjonijiet. Ewlenija fost dawn l-osservazzjonijiet hija l-importanza li, għalkemm dan il-virus jolqotna separatament bħala pajjiżi, il-mod li bih nindirizzawh għandu jkun magħqud u b’saħħtu. Fejn jidħlu fondi, riċerka, u qsim ta informazzjoni, hemm ferm aktar saħħa li naħdmu flimkien bħala Unjoni Ewropea, milli naġixxu separatament.
Propju għalhekk li għamilt appell ċar biex ministri Ewropej isibu prassi komuni u attitudni komuni biex jipproteġu liċ-ċittadini. Dan fl-isfond ta’ ħafna twissijiet minn Awtoritajiet tas-saħħa li ma nistgħux ninjoraw; twissijiet biex nippreparaw irwieħna għal dak li jista’ jinqala.
Il-Kummissjoni Ewropea għandha numru ta’ mekkaniżmi li jidħlu fis seħħ meta ċittadini Ewropej
jesperjenzaw theddid għas-saħħa li jaqsam il-fruntiera. Dawn huma miżuri li jmissu elementi essenzjali bħal koperazzjoni, informazzjoni mqassma tajjeb, moniteraġġ effiċjenti u rispons adegwat. Il-preżenza ta’ proċeduri f’dan is-sens iwassal biex il problema tiġi indirizzata b’mod kollettiv. Fi kliem ieħor; inutli pajjiż ikun effiċjenti fil-komunikat tiegħu jew it-trattament ta pazjenti, jekk il ġirien tiegħu qed jadottaw prattiċi differenti jew iżommu informazzjoni relatata mal-virus għalihom.
Huwa faċli tgħid, iżda issa huwa ż-żmien il nipprattikaw dawn il-proċeduri. Il-Kummissjoni Ewropea ħeġġet lil stati membri jerġaw jirrevedu l-pjanijiet tagħhom f’kas ta’ pandemiji u jinformaw lil Brussell dwar il-kapaċitajiet tas-sistemi tagħhom tas-saħħa. Dan jinkludi informazjoni bla riżervi dwar kemm kapaċi jagħmlu dijanjosi u testjar f’laboratorji, biex jidentifikaw każijiet ta’ coronavirus. Kull stat membru jrid jipprovdi informazzjoni dwar il-mod li bih bi ħsiebu jindirizza l-problema.
Sabiex tiżdied it-tħejjija globali għall-virus, flimkien mal-prevenzjoni u ż-żamma tal virus milli jixtered, ġew stabbiliti fondi ta’ 232 miljun Ewro. Dawn il-fondi ma jappartjenux biss għall-proċeduri interni fi ħdan l-Unjoni Ewropea, iżda jikkonċernaw l-għajnuna u l kollaborazzjoni ma’ pajjiżi lil hinn minnha. Għax din hija sfida globali. Irrid nenfasizza li inutli niddedikaw fondi, jekk m’aħniex bi ħsiebna
naqsmu informazzjoni ma’ sħabna Ewropej u mal-kumpaament tad-dinja. Dan mhux żmien li nostru l-affarijiet.
Din hija sfida li qed tgħallimna ħafna xorti, fosthom li qatt ma nistgħu nissottovalutaw l-edukazzjoni
u r-riċerka. Mingħajr imvestiment fir-riċerka ma jinstabux soluzzjonijiet. B’investiment fir-riċerka ma nfissirx biss laboratorji u għodda teknika, imma investiment f’uliedna minn meta jkunu mal-bankijiet tal-iskola, biex jinteressaw irwiehom fix-xjenza u fl-istudju ta’ problemi li jolqtu lill-umanità. Tagħlima oħra hi dik relatata mal-importanza li wieħed jitlaqqam. Spiss nitkellem dwar il-bżonn li nedukaw liċ-ċittadini Ewropej dwar it-tilqim, li nipprovdu tilqim aċċessibbli u għal kulħadd, li nipprovdu tilqim affordabbli, tilqim f’waqtu, u tilqim fejn iċ-ċittadin iħossu li jista’ jafda lil min qed jipprovdilu s-servizz.
Ma nistax ma ninnotax ċertu paniku mxerred fuq il-mezzi soċjali. Ħafna marru jiġru s-supermarkets,
biex jimlew il-kċejjen tagħhom bi prodotti żejda li forsi aktar se jikkontribwixxu lejn il-ħela milli lejn il-
problema tal-Coronavirus. Osservajt ukoll ċertu biża mill-fatt li ngħixu f’Unjoni fejn il-libertà tal- moviment hija mħarsa fuq kollox. Filwaqt li rridu nittrattaw din is-sitwazzjoni b’serjetà massima, ma rridux naqgħu vittmi għall-paniku u l-konsegwenzi li ġġib magħha n-nuqqas ta’ informazzjoni. Ir-regoli ta’ Schengen jippermettu lill-pajjiżi membri diskrezzjoni biex f’każijiet ta’ theddid serju, jerġaw jintroduċu kontrolli fil fruntiera. Iżda rridu nqisu din it-tip ta’ azzjoni biss jekk ma tkun fadal ebda triq oħra. Dawn huma miżuri li għandhom jitqiesu bħala temporanji jekk tiskatta u għandhom jinżammu minimi kemm jista’ jkun, sakemm tissolva l-problema.
Filwaqt li t-tama hi li l-isfidi li qed iġib miegħu il-Coronavirus jintemmu mingħajr wisq dewmien u aktar telf ta’ ħajjiet u impatti fuq l-ekonomija globali, tibqa’ dejjem l-opportunità ta’ tagħlim u l-għarfien li flimkien bħala Unjoni kapaċi ngħelbu aktar sfidi milli waħedna.’