Qed nikteb din l-opinjoni waqt li bħalissa aktar minn 17,000 persuna huma eliġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għal mexxej tal-Partit Laburista. Dan ifisser li min ġie elett illum se jkun ukoll qed imexxi lil Malta bħala Prim Ministru.
Id-delegati u l-membri tal-Partit qalu tagħhom. Illum min ġie elett irid jirritorna l-fiduċja tal-votanti billi jaħdem biex il-Partit Laburista jkun Partit li jirrispetta l-valuri u l-prinċipji soċjalisti li jsawwruna, fejn fil-qofol tal-ħidma hemm l-interess tal-familji u dawk l-aktar vulnerabbli, b’viżjoni ta’ pajjiż li jrid jimxi ‘l quddiem fl-oqsma kollha.
Il-mandat li l-poplu ta lill-Partit Laburista biex imexxi l-Gvern tlett snin ilu huwa mandat li dan il-Gvern irid iwettaq. Biex dan iseħħ, il-ħidma trid tkompli filwaqt li nuru lil hinn minn xtutna li Malta hija l-pajjiż attraenti għal investiment, fejn iż-żgħażagħ tagħna għandhom futur ta’ xogħol stabbli u ta’ kwalità u fejn il-progressività tfisser rispett, tolleranza, infurzar u solidarjetà.
Il-viżjoni tal-Partit Laburista hija waħda fejn il-ġid li jinħoloq jitqassam fost kulħadd. Hija viżjoni ta’ tkabbir ekonomiku sostenibbli. Hija viżjoni ta’ Malta kburija minn fejn telqet u kunfidenti dwar fejn kapaċi tasal. Tliet snin wara, ikolli ngħid li dik il-viżjoni ttapnet. Illum prijorita’ ewlenija għall-pajjiż hija li juri li dan hu pajjiż progressiv u b’saħħtu. Għall-Partit Laburista, prijorita’ ewlenija hija li jibqa’ l-aħjar għażla għall-poplu u dan jista’ jagħmlu billi jibqa’ jkun magħqud biex ikompli bil-mandat elettorali tiegħu.
Huwa faċli li jkollna l-għaqda bil-fomm. Faċli ħafna ngħidu li se naħdmu favur għan wieħed, niġbdu l-istess ħabel, nirsistu kollha għall-istess għanijiet. Imma rridu naħdmu favur l-għaqda bil-fatti fejn bil-fatti ħadd ma jkun imwarrab jew jingħata l-gambetti. Dan huwa moviment, fejn ir-rieda kollettiva hija ikbar mill-individwu. Huwa żmien fejn l-interess kollettiv ta’ pajjiżna jeħtieġ l-iktar attenzjoni. Hawn min f’pajjiżna mhux qed iħoss il-ġid ekonomiku li qed jinħoloq. Hawn min, barra minn xtutna, rabba impressjoni ħażina ta’ kif nagħmlu l-affarijiet. Aħna l-partit tal-ġejjieni; aħna l-partit li joffri l-aħjar alternattiva.
Spiss nitkellmu, u bir-raġun, dwar is-suċċess ekonomiku ta’ pajjiżna. Ejja niftakru li dan huwa suċċess frott ħidmiet in-nies bieżla, u ma ġiex b’kumbinazzjoni. Il-ġid ekonomiku mhux li tiġġenerah biss jgħodd, iżda li tkun kapaċi ssostnih. Fi żminijiet li kontinwament jinbidlu, kemm lokalment imma anke f’kuntest Ewropew u internazzjonali, hemm bżonn konsistenza u direzzjoni ċara biex l-ekonomija ta’ pajjiżna ma tbatix u l-investiment ma jmajnax. Anzi, pajjiżna għandu l-potenzjal kollu li jkompli jsaħħaħ l-investiment lejħ. Ma rridux ninsew li isimna qiegħed fuq nett fost l-aktar pajjiżi Ewropej li qed jgħarfu ’l fejn sejra l-ekonomija tal-ġejjieni. Nista’ nsemmi l-blockchain, l-intelliġenza artifiċjali u s-settur tal-kannabis għall-użu mediċinali bħala eżempji fejn pajjiżna beda jnaqqax ismu fost l-aqwa parteċipanti internazzjonali.
Xogħolna issa hu li nkompli naħdmu. Il-ħidma tagħna ma tieqafx mall-elezzjoni ta’ mexxej ġdid iżda rridu nkomplu naħdmu lkoll kemm aħna għall-ġid tal-pajjiż.
Is-sena 2020 se tkun waħda ta’ sfidi f’oqsma differenti. Bħala MEP impenjata li nibqa’ naħdem b’ħilti kollha favur il-projoritajiet li jistgħu verament jagħmlu differenza pożittiva fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnkom l-istess kif impenjajt ruħi li nagħmel matul il-kampanja elettorali. Politika ibbażata fuq il-viżjoni ta’ ekonomija innovattiva li tħares l-ambjent tagħna u tipproteġi lill-aktar vulnerabbli.